Li titbiddel quddiemi.
It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Riflessjoni u talba minn Dun Pawl Camilleri. Din hi inizjattiva bejn il-Media Centre tal-Knisja u l-Parroċċa Familja Mqaddsa, l-Iklin. Iżjed riflessjonijiet fuq l-Evanġelju issibuhom fil-Youtube Channel - Parrocca Iklin Malta. Ma nippretendix, Mulej, li waqt li għadni f’dal-ġisem dgħajjef u midneb tidhirli fil-glorja, kif dehert lit-tlett ħbiebek, meta wiċċek sar jiddi bħax-xemx u lbiesek saru bojod bħad-dawl. Nittama li għall-ħniena bla tarf tiegħek dix-xena naraha wiċċ imb’ wiċċ meta tneħħili kull demgħa minn għajnejja meta tbiddel dal-ġisem imsejken tiegħi fis-sura tal-Ġisem glorjuz Tiegħek. Imma sa ma nistenniek ġej fil-glorja nixtieq li l-ħarsa tiegħi lejk u l-entużjażmu tiegħi għalik jinbidlu u jisbieħu, Mulej. Għax dal-ġisem dgħajjef jidra kollox anke l-iktar ħwejjeġ qaddisa u nobli. Jekk ngħid li m’għandix idea kbira u sabiħa Tiegħek ma nkunx qed ngħid il-verita’, Mulej. Imma r-ripetizzjoni u d-drawwa Spiss idgħajfuli s-sens ta’ stagħġib tiegħi quddiem il-meravilji tiegħek, u r-rutina ttellef il-fervur lejn is-sagru. Mulej, neħtieġ injezzjoni ta’ ħeġġa ta’ tiġdid ta’ qawmien fil-fidi tiegħi fit-talb tiegħi fir-riflessjoni tiegħi. Jeħtieġli nerġa’ nibda narak sabiħ importanti attwali rilevanti. Kebbisli qalbi, Mulej, biex terġa’ tibda tħoss il-ħlewwa tal-kuntatt miegħek is-siwi tal-ħin mogħti lilek il-valur ta’ ħajja dedikata għalik. Dawwalli moħħi, Mulej, biex jikkonvinċi ruħu mill-prinċipji Tiegħek mill-ispirazzjonijiet Tiegħek mill-imħabba Tiegħek għalija..... bla ebda limiti. Mulej, jekk illum tistaqsini x’ irridek tagħmilli inwieġbek bla tlaqliq: li titbiddel quddiemi – biex inkun nista’ nemmen fik b’iktar konvinzjoni inħobbok b’iktar ġenerożita’ naqdik b’ferm iktar impenn u ħeġġa. Stampa fija xbiha ħajja tiegħek f’moħħi f’qalbi f’għemili kollu sa’ ma niġi narak wiċċ imb’ wiċċ fil-glorja.